Dwar il-UTV - L-uniku stazzjon ta' xandir soċjo-reliġjuż f'Malta

Minn Jannar 2024, l-Fondazzjoni U ngħatat il-liċenzja mill-Awtorità tax-Xandir biex tibda xxandar 24 siegħa kuljum permezz tal-istazzjon soċjo-reliġjuż UTV fuq il-frekwenza 111 tal-GO u MELITA. Il-programmi li qabel kienu jixxandru fuq stazzjon ieħor issa qed jixxandru minn UTV u flimkien magħhom żdiedu ammont ta’ programmi ġodda li ntlaqgħu tajjeb mit-telespettaturi, tant li fl-aktar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir UTV kiseb udjenza li tissupera dik ta’ stazzjonijiet oħra żgħar privati. U dan is-suċċess inkiseb wara inqas minn tliet xhur ixandar. Għal diversi ħinijiet l-istazzjon iwassal xandiriet reliġjużi bħal quddies u rużarju, aħbarijiet tal-ġurnata u avviżi komunitarji, ħsieb għal kuljum, Kurunella tal-Ħniena Divina u servizz bla ħlas lit-telespettaturi bħal għal min tixtieq titlob u avviżi ta’ mwiet ta’ persuni għeżież għalihom.