F’Jannar tas-sena 2024, il-Fondazzjoni U ngħatat il-liċenzja mill-Awtorità tax-Xandir biex tibda xxandar 24 siegħa kuljum permezz tal-istazzjon soċjo-reliġjuż UTV fuq il-frekwenza 111 ta’ GO u MELITA.
Minn dak iż-żmien UTV żamm l-appuntament tiegħu mat-telespettaturi bi skeda regolari ta’ programmi b’tema soċjo-reliġjuża, kif titlob il-liċenzja tiegħu, u llum kiber fil-popolarità u għandu udjenza regolari numeruża. Tant hu hekk li fis-surveys tal-Awtorità tax-Xandir dejjem jirnexxilu jissupera l-udjenzi tal-istazzjonijiet l-oħra żgħar privati. Tragward li kisbu wara biss tliet xhur minn meta beda jxandar.
Għal diversi ħinijiet l-istazzjon iwassal xandiriet reliġjużi bħal quddies mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex u minn knejjes oħra, rużarju, aħbarijiet tal-ġurnata u avviżi komunitarji, ħsieb għal kuljum, Kurunella tal-Ħniena Divina u servizz bla ħlas lit-telespettaturi għal min jixtiequ jitolbu u avviżi ta’ mwiet ta’ persuni għeżież għalihom.